INTRICCI – it-2 sensiela

IS-SOAP OPERA TKOMPLI

Matul l-istaġun li għadda, is-soap opera ta’ Hermann Bonaci Productions Intriċċi kienet segwita minn ħafna. Kull nhar ta’ Erbgħa, kull min iħobb id-drama bil-Malti segwa l-kitbiet ta’ Joe Gatt esegwiti b’mod tajjeb mill-atturi fit-tim immexxi minn Hermann Bonaci.

Serje popolari ma tistax twaqqafha. Ħafna nies talbu lill-produtturi li wara s-sajf Intriċċi tkompli… u hekk se jsir. It-taħlita ta’ atturi stabbiliti ma’ atturi ġodda rnexxiet, tant li issa saru atturi stabbiliti kollha kemm huma. Fiż-żewġ familji Caruana u Camilleri jkomplu jikbru l-piki, l-lussu, r-regħba, t-tentattivi ta’ korruzzjoni, l-infedeltà u l-ġlieda għall-poter ma jieqfu xejn. L-Intriċċi bejn il-familji komplew jikbru, u se jkomplu jitħabblu fis-serje l-ġdida.

Fit-tieni staġun, wieħed jistenna li nsiru nafu jekk Martin huwiex missier Rakela, u x’kien tassew l-imgħoddi ta’ Martin. U Rakela se tibqa’ ma’ Pawlu, jew hemm xi ħadd ieħor interessat fiha? Naraw x’se jiġri minn John u Maxi. Tgħid se jsiru jafu humiex aħwa, jew isiru jafu meta jkun tard wisq?

Fl-aħħar episodji tal-ewwel serje rajna lil min jaffronta lil Xandru, li min-naħa tiegħu spiċċa ħażin. U Nardu spiċċa ferut jew inqatel minn martu stess? U f’dak il-kas x’se jiġri minn Carmen? Aħbar bħal dik ma tintlaqax tajjeb mill-familja ta’ Diandra.

Mistoqsija li baqgħet qatt ma ssolviet, sa issa, hija min qatel lil Ilena. Fit-tieni serje hemm ċans li nsiru nafu min kien. Jew le? Li se naraw żgur hu li tkompli l-logħba bejn Gabriel, Mario u Alexandra. Se naraw il-mod xejn tas-soltu kif se tiżvolġi r-relazzjoni bejn Marilena, Xandru u Peter.

L-imħabba bejn Maria u Martin se tikber. Pamela u Toni se jiddeċiedu għandhomx ikomplu jaħdmu ma’ ta’ Donny jew le. U bilħaqq… se nsiru nafu jekk Carlo hux bniedem onest jew qiegħed jilgħab parti perikoluża. Inkomplu nintebħu kemm Dwardu jaf ħafna… u kemm hu ta’ periklu għal xi ħadd. U bħas-soltu, Neville jispiċċa bejn il-basla u qoxritha. Insomma intriċċi u intriċċi biss.

L-imgħoddi u l-konsegwenzi li ħalla ikompli jilgħab parti kbira fil-kunflitt bejn iż-żewġ kuġini. L-intriċċi komplew aktar ħabblu s-sitwazzjonijiet u qatt ħadd ma staħa juża kull mezz biex ikisser lil ta’ kontrihom. Il-pika ġġib aktar pika… u l-kompetizzjoni fin-negozju inbidlet f’battalja bla tarf b’konsegwenzi familjari, sesswali u tal-poter. U la ż-żewġ gruppi jiġu minn xulxin, aktar jafu l-qoħob ta’ xulxin u aktar lesti jagħmlu ħsara.

INTRICCI kull nhar ta’ Erbgha fid-21:00 fuq NET TV.

 

Our Sponsors